ONE.COM.MT • Tfal Għawdxin li għandhom bejn ħames snin u erbatax–il sena se jkollhom l-opportunità jmiddu jdejhom biex jitgħallmu l-elementi li jsawru s-suġġett tar-robotika.
Dawn it-tfal jistgħu jibbenefikaw minn attenzjoni massima waqt dan il-kors bla ħlas.
KITBA: PEARL AGIUS
FILMATI: CVC
L-edukazzjoni hija ċ-ċavetta tal-futur u kull tifel u tifla ħaqqhom l-opportunità u aċċess għat-tagħlim.
Il-Ministeru għal Għawdex nieda korsijiet tar-robotika b’xejn għat-tfal Għawdxin li għandhom bejn ħames snin u erbatax –il sena.
It-tfal se jinqasmu fi gruppi żgħar skont l-etajiet biex ikunu jistgħu jassorbu tagħlim kemm jistgħu iżda l-postijiet huma limitati.
Il-Ministru għal Għawdex Clint Camilleri sostna li l-edukazzjoni tal-lum ma tkoprix biss dak li jiġri fil-klassi tradizzjonali bil-lapes u r-riga.
CLINT CAMILLERI
MINISTRU
“Programm li ser ikun ukoll, dawk kollha li ser jieħdu sehem fih ser ikun b’xejn, iffinanzjat mill-Ministeru għal Għawdex u propju dan sabiex naraw aktar studenti tagħna, aktar tfal tagħna li jifirxu n-knowledge tagħhom anki f’suġġetti li mhumiex konvenzjonali.”
Il-Ministru ħeġġeġ lill-ġenituri tat-tfal Għawdxin sabiex jibagħtu lil uliedhom għal dan il-kors li ser jespandi l-orizzonti tagħhom.
L-applikazzjonijiet huma miftuħin onlajn sat-tlieta u għoxrin ta’ Lulju u wieħed irid iħallas għaxar ewro għall-kors li ser tingħata lura fi tmiemu.